Id-Dipartiment tas-Servizzi tal-Kura Sekondarja jappoġġja il-mudell taċ-Ċentru Reġjonali tas-Saħħa għall-kura ambulatorja speċjalizzata, billi jservi ta’ pont bejn s-servizzi pprovduti miċ-Ċentri tas-Saħħa u mill-isptarijiet tal-kura akuta sabiex il-kura xierqa tingħata aktar qrib il-post fejn jgħixu n-nies. Id-Dipartiment jikkoordina Iċ-Ċentri reġjonali tal-kura tas-saħħa u servizzi multi dixxiplinari li jikkumplimentaw is-servizzi nazzjonali tal-isptarijiet permezz ta’ aċċess aħjar għal konsultazzjonijiet minn speċjalisti, dijanjosi, trattament, riabilitazzjoni u kura ta’ ġurnata f’ambjent orjentat lejn il-komunità.
Id-Dipartiment jaħdem tul is-sistema tas-saħħa pubblika ta’ Malta, inkluż il-Kura Primarja tas-Saħħa, l-Isptar Mater Dei, is-Servizzi tas-Saħħa Mentali u fornituri oħra tas-servizzi, sabiex jfassal mogħdijiet ta’ kura siguri, koordinati u ffukati fuq il-pazjent. Ir-rwol tiegħu jinkludi l-ippjanar tas-servizzi, it-tħejjija operattiva, il-koordinazzjoni tal-faċilitajiet u r-riżorsi, is-sistemi tal-kwalità u s-sigurtà, il-proċessi ta’ appoġġ lill-pazjenti u t-titjib kontinwu.
Id-Dipartiment huwa ggwidat mill-prinċipju li tingħata l-kura t-tajba, fil-post ġust, u f’waqtu. Hekk kif is-servizzi jkomplu jiżviluppaw, id-Dipartiment ser ikompli jsaħħaħ il-kapaċità reġjonali, jappoġġja l-integrazzjoni diġitali u operattiva, itejjeb l-esperjenza tal-pazjent u jikkontribwixxi għal sistema tas-saħħa pubblika aktar reżiljenti, aċċessibbli u sostenibbli.
Ċentri Reġjonali
Sa minn Lulju ta’ sena 2025, iċ-Ċentru Reġjonali tas-Saħħa Ċensu Moran ġewwa Paola beda jipprovdi pjattaforma li qed tkompli tikber għal servizzi speċjalizzati ta’ outpatient, dijanjosi, trattament, riabilitazzjoni u kura ta’ matul il-jum. Iċ-Ċentru jappoġġja r-reġjun tan-Nofsinhar u jgħin biex jikkumplimenta s-servizzi tal-isptarijiet tal-kura akuta billi jipprovdi kura ambulatorja xierqa aktar qrib il-komunità.
Beda wkoll xogħol preparatorju biex jinbena ‘Multi-Modality Clinic’ ġewwa il-Qawra li se ssaħħaħ aktar il-mudell ta’ Ċentru reġjonali u se joffri servizzi għar-residenti tar-reġjun tat-tramuntana ta’ Malta.
Responsabbiltajiet Ewlenin
- Ippjanar, koordinazzjoni u tmexxija taċ-ċentri reġjonali tal-kura tas-saħħa u servizzi speċjalizzati ambulatorji.
- Tisħiħ tal-pont bejn iċ-Ċentri tas-Saħħa, il-kura primarja, is-servizzi ibbażati fl-isptarijiet u fornituri oħra tas-saħħa pubblika.
- Appoġġ għall-introduzzjoni sigura ta’ servizzi, tħejjija klinika u operattiva, ftehim ta’ l-għoti tas-servizz, informazzjoni għall-pazjenti u miżuri ta’ kwalità.
- Koordinazzjoni tal-faċilitajiet, ir-riżorsi umani, il-loġistika, l-appoġġ lill-pazjenti, ir-rekwiżiti tal-IT, l-assigurazzjoni tal-kwalità u l-proċessi ta’ titjib kontinwu.
- Promozzjoni ta’ kura aċċessibbli, affidabbli, reattiva u ċċentrata fuq il-pazjent permezz ta’ informazzjoni ċara, standards tas-servizz, tifsil ta’ mekkaniżmi sabiex twassal opinjoni u lmenti.

