Dwar

Id-Direttorat tal-Cancer Care Pathways twaqqaf f’Ottubru 2014 bil-għan li jippromwovi avvanz ta’ kwalità fil-kura tal-kanċer u li joffri appoġġ, pariri, aċċess f’waqtu, koordinazzjoni u kontinwità tal-kura għall-pazjenti bil-kanċer. Bħala parti mill-mogħdija tiegħu, l-aspetti tal-ħtiġijiet tal-pazjenti għandhom jiġu evalwati kontinwament peress li l-kanċer għandu diversi implikazzjonijiet fuq il-ħajja tal-familja, il-ħajja soċjali u konsegwentement is-soċjetà in ġenerali.

Il-Kura tal-Kanċer tifrex il-passaġġ kollu tal-pazjent li jibda bis-screening jew riferiment inizjali ibbażat fuq sintomu, għad-dijanjosi tal-kanċer, sa trattament segwit minn sopravivenza, kura palljattiva jew kura ta’ tmiem il-ħajja u għalhekk dan jeħtieġ titjib kontinwu fl-esperjenzi u r-riżultati tal-pazjenti matul il-vjaġġ tal-kanċer. Fuq livell organizzattiv, id-Direttorat tal-Cancer Care Pathways għandu l-iskop li juri l-proċessi tal-pazjenti tul il-fażijiet differenti tal-progressjoni tal-marda għal kanċers differenti bil-għan li jidentifika s-saħħiet u d-dgħufijiet tal-forniment tas-servizz attwali u jtejjeb il-kura li tingħata. Din l-informazzjoni mbagħad tiġi mogħtija lil dawk li jfasslu l-politika u li jieħdu d-deċiżjonijiet, lill-partijiet interessati u lill-istituzzjonijiet. Inizjattivi ta’ riċerka bħal dawn jipprovdu għajnuna lid-Direttur Ġenerali (Servizzi tal-Kura tas-Saħħa) u lil partijiet interessati ewlenin oħra billi jikkontribwixxu l-evidenza meħtieġa fil-formulazzjoni ta’ politika u strateġija nazzjonali fil-qasam tal-kura tal-kanċer.

Għanijiet u Responsabbiltajiet tad-Direttorat tal-Cancer Care Pathways

Dan id-direttorat jipprovdi s-servizzi li ġejjin:

  • Jipprovdi Servizzi ta’ Fast Tracking sabiex ir-referenzi ta’ kanċer suspettat mibgħuta mit- tabib ġenerali jiġu mgħaġġla għal appuntament f’waqtu għall-ewwel konsultazzjoni tagħhom fl-isptar;
  • Jipprovdi servizzi ta’ Nurse Navigation fejn infermieri speċjalizzati fl-Oncology Navigation jivvalutaw pazjenti li jkunu għadhom kif ingħataw dijanjosi tal-kanċer biex jidentifikaw kwalunkwe sfidi, ħtiġijiet mhux sodisfatti u lakuni fis-servizz biex jgħinu lill-pazjenti u lill-familji tagħhom jegħlbu l-ostakli għall-kura sabiex jirċievu kura u trattament f’waqtu. Jistgħu wkoll jirrakkomandaw inizjattivi jew emendi għal proċeduri jew mogħdijiet tal-kanċer kif meħtieġ bil-għan li titjieb il-koordinazzjoni u l-kontinwità tal-kura tal-pazjenti bil-kanċer u l-familji tagħhom u biex titjieb il-kwalità u l-kura f’waqtha;
  • Jipprovdi servizzi ta’ Sopravivenza biex jiġu vvalutati l-ħtiġijiet ħolistiċi mhux issodisfatti tal-pazjenti u l-familji tagħhom matul l-istadju ta’ wara t-trattament tal-kanċer. Il-Koordinatur tas-servizz tas-Sopravivenza jipprovdi assistenza skont il- ħtiġijiet identifikati u jorganizza klassijiet/programmi ta’ benessri/riabilitazzjoni biex jassisti lill-pazjenti u lill-familji biex ilaħħqu u jadattaw mal-bidliet minħabba l-esperjenza tal-kanċer;
  • Twettaq riċerka u verifiki biex tipprovdi evidenza dwar l-iskeda ta’ meta twettqu l-proċessi fil-kura tal-kanċer, biex tipprovdi r-rakkomandazzjonijiet u d-direzzjoni meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-koordinazzjoni tal-kura u titjib ieħor fis-servizz;
  • Ittejjeb il-koordinazzjoni tal-kura għal pazjenti metastatiċi u palljattivi;
  • Jgħin biex ittejjeb il-komunikazzjoni u n-networking bejn diversi organizzazzjonijiet / sptarijiet / entitajiet / programmi;
  • Id-Direttorat tal-Cancer Care Pathways jiżviluppa wkoll fuljetti ta’ informazzjoni u jtejjeb l-informazzjoni tal-pazjent fl-istadju tal-kura u kwalunkwe nuqqas ieħor ta’ informazzjoni fis-servizzi tal-kanċer;
  • Jidentifika ostakli għall-programmi ta’ screening biex jiżdiedu in-numru ta’ persuni li jagħmlu użu mis-servizz;
  • Jikkomunika r-riżultati u r-rapporti rilevanti mill-inizjattivi msemmija hawn fuq lill-partijiet interessati ewlenin.

It-Tim tad-Direttorat tal-Cancer Care Pathways bħalissa jikkonsisti minn:

  • Id-Direttur
  • Senior Practice Nurse
  • Staff Nurse
  • Żewġ Nurse Navigators Kolorektali, Nurse Navigator tal-Pulmun, Nurse Navigator tal- Uroloġija, Nurse Navigators tal-Gynae
  • Nurse Survivorship Coordinator
  • Koordinatur tal-Fast Track
  • Skrivan

Id-Direttorat bħalissa jinsab ukoll fil-proċess li jirrekluta aktar persunal biex jibni l-istruttura u s-servizzi tad-direttorat.

FacebookTwitter