Jo Etienne Abela twieled fid-29 ta’ Novembru, 1975 f’Għawdex. Joqgħod Tas-Sliema, miżżewweġ u missier ta’ tliet itfal.

Attenda l-iskola primarja Sir Arturo Mercieca fir-Rabat, Ninu Cremona – Junior Lyceum Complex u s-sixth form Sir Michelangelo Refalo, ilkoll f’Għawdex.

Studja l-mediċina u l-kirurġija fl-Università ta’ Malta bejn l-1993 u l-1999 fejn imbagħad ħadem bħalha Tabib fl-isptar San Luqa.

Fl-2003 mar l-Iskozja fejn kompla bl-istudji tiegħu. Kemm dam Glasgow laħaq konsulent tal-kirurġija fejn kien l-iżgħar kirurgu fil-pajjiż kollu. Speċjalizza dwar il-kundizzjonijiet tal-pajp tal-ikel u anke tal-frixa.

Ġie lura Malta fl-2012 u sena wara beda jaħdem fl-isptar Mater Dei, fl-isptar t’Għawdex u anke bħala ‘visiting lecturer’ fl-Università ta’ Malta.

Il-Professur Jo Etienne Abela qeda l-funzjonijiet amministrattivi bħala Deputat Kap tad-Dipartiment tal-Kirurġija u Lead Clinician fil-High Dependency Unit, endoskopija u mard tal-frixa. Iservi wkoll fl-irwol ta’ International Surgical Tutor for Malta tar-Royal College of Surgeons f’Edinburgh kif ukoll huwa eżaminatur tal-kulleġġ u tal-Union Européenne des Médecins Spécialistes (UEMS) fil-kirurġija.

Ikkontesta l-Elezzjoni Ġenerali ta’Marzu 2022 fuq l-10 u t-13-il distrett u wara li kien elett, inħatar Ministru għall-Anzjanitá Attiva fil-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela.